gov.mt

pr261619

PR261619

02/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jenfasizza Parlament aktar qrib in-nies waqt sensiela ta’ laqgħat u żjarat f’Għawdex

​

“Il-ħidma tal-Parlament trid tmur lil hinn mill-ħitan tiegħu. Irridu nwessgħu l-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni, biex il-ħidma parlamentari tkun aktar marbuta mar-realtajiet tas-soċjetà.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela, waqt sensiela ta’ laqgħat u żjarat f’Għawdex.

Iż-żjara bdiet bil-parteċipazzjoni tal-Ispeaker fiċ-ċerimonja marbuta mal-ftuħ tas-Sena Forensi f’Għawdex. Huwa attenda għall-quddiesa kkonċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma, fil-Knisja ta’ Santa Savina, u wara għaċ-ċerimonja fl-Awla tal-Qorti ta’ Għawdex.

Fil-Ministeru għal Għawdex, l-Ispeaker kellu laqgħa mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, u x-Shadow Minister għal Għawdex Frank Anthony Tabone.

Id-diskussjoni ffukat fuq il-ħidma parlamentari u fuq temi marbuta mar-realtajiet Għawdxin. L-Ispeaker saħaq fuq l-importanza tar-rispett reċiproku u ta’ ħidma parlamentari professjonali, anke fejn jeżistu fehmiet politiċi differenti.

Huwa enfasizza li Parlament b’saħħtu jeħtieġ rispett lejn l-istituzzjoni u lejn xulxin, bil-ħidma politika tibqa’ ffukata fuq il-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-Ministru Camilleri u x-Shadow Minister Tabone laqgħu pożittivament din il-laqgħa u ddiskutew diversi aspetti tal-ħidma parlamentari relatati ma’ Għawdex.

L-Ispeaker żar ukoll l-uffiċini tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, l-FSWS f’Għawdex, fejn ġie milqugħ mill-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti, minn Mons. Joseph Vella Gauci, Direttur, u mill-ħaddiema.

Matul il-laqgħa ġew spjegati mill-ħaddiema s-servizzi soċjali offruti mill-FSWS u r-realtajiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum. L-Ispeaker irringrazzja lill-ħaddiema għall-impenn tagħhom u qal li l-ħidma tagħhom tmur lil hinn minn impjieg.

“Ix-xogħol tagħkom huwa vokazzjoni. Il-liġijiet jistgħu joħolqu strutturi u drittijiet, iżda ma jistgħux waħedhom ifejqu l-emozzjonijiet u d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom in-nies. Huwa l-kuntatt dirett, l-għajnuna u l-umanità tagħkom li jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuna,” qal l-Ispeaker.

B’referenza wkoll għal-laqgħat tiegħu ma’ persuni u organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ realtajiet soċjali differenti, l-Ispeaker qal li l-istituzzjonijiet jifhmu aħjar l-isfidi tas-soċjetà meta jisimgħu direttament lil dawk li jgħixuhom u lil dawk li jaħdmu magħhom kuljum. 

L-Ispeaker tkellem ukoll dwar il-prijorità tiegħu li jkompli jsaħħaħ l-għarfien dwar id-demokrazija parlamentari, partikolarment fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. “Id-demokrazija taħdem bin-nies. Għandna napprezzaw id-dritt li nagħżlu lil min jirrappreżentana u, fl-istess waqt, nibqgħu interessati u parteċipi fil-ħidma demokratika anke lil hinn mill-jum tal-elezzjoni,” qal l-Ispeaker.

Bħala parti mill-programm, l-Ispeaker żar ukoll żewġ intrapriżi f’Għawdex. F’Lord Chambray, kumpanija stabbilita fl-2014 u attiva fil-produzzjoni ta’ craft beer għas-suq lokali, huwa ġie milqugħ mill-Kap Eżekuttiv Samuele D’Imperio u mill-ħaddiema.

L-Ispeaker żar ukoll Gozo Cottage, fejn ġie milqugħ mid-Direttur Dr Joseph Grech u mill-ħaddiema u seta’ jara mill-qrib il-produzzjoni ta’ diversi prodotti lokali u xorb alkoħoliku.

Matul dawn iż-żjarat, l-Ispeaker saħaq fuq l-importanza li l-Parlament jibqa’ jisma’ wkoll direttament lill-intrapriżi u lill-ħaddiema dwar ir-realtajiet, l-opportunitajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Huwa qal li kuntatt dirett ma’ setturi differenti tas-soċjetà jgħin biex il-ħidma parlamentari tibqa’ marbuta mar-realtajiet ta’ kuljum taċ-ċittadini u tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex.

​

​